Żgur li ma' hemmx kliem biex niddeskrivi dak li ħassejna fil-ġurnata tal-bieraħ fejn konna daqshekk qrib tal-Papa Benedittu XVI!! Qrib mhux biss fiżikament, imma qrib għax il-Papa stess għażel li jkun qrib tagħna, bit-tbissima tiegħu, bil-kliem bil-malti, imma fuq kollox bil-messaggi sbieħ tiegħu.
Waqt il-Quddiesa ħassejna lilna nfusna qrib anke permezz tas-Seminarista Daniel Sultana li jiġi fil-Parroċċa tagħna u li kien daqshekk qrib il-Papa.
Mument ieħor mill-isbaħ kien meta l-ġenituri ta' mibki Fr. Joshua Muscat offrew il-Ħobż u l-Inbid lill-Papa, kien mument qawwi ħafna, fejn żgur jitħaltu ma' xulxin, it-tbatija tal-firda, imma wkoll ferħ u paċi li ma tistax tispjega bil-kliem.
M'hemmx dubbju li l-isbaħ mument, speċjalment għalina l-Għawdxin kien x'ħin il-Papa offra l-"warda tad-deheb" lil Madonna ta' Pinu.
Il-Laqgħa taż-żgħażagħ ukoll kienet għalina lkoll waħda speċjali. Il-grupp li konna flimkien il-valletta waterfront ikoll kemm aħna kellna esperjenza sabiħa. Konna kburin naraw lill-tlieta miż-żgħażagħ tagħna jkantaw fil-youthchoir (Antonella Bajada, Gabriella Grech u Jeannine Sammut). Żgur li anke għalihom kienet esperjenza mill-isbaħ li ma huma ser jinsew qatt.
Imma żgur li l-aktar żagħżugħ Għawdxi li kien fortunat u kuntent kien ieħor miż-żgħażagħ tal-Parroċċa tagħna, Brendan Buttigieg li kien fuq il-Katamaran San Pawl, spalla ma spalla ma' l-Papa Benedittu XVI. Brendan qalli li l-Papa staqsih min fejn hu, kif ukoll x'attivitajiet isiru fil-parroċċa tagħna. B'hekk Brendan mhux biss kellhu ċans ikun qrib il-Papa imma wkoll jitkellem mal-Papa fuq il-Parroċċa tagħna.
Kif bdejt dan l-artiklu nerġa' nispiċċa, ma' hemmx kliem biex tifsser biżżejjed dak li tkun għext f'esperjenza bħal din. Jiddispjaċini ghal dawk iż-żgħażagħ li xtaqu jiġu u forsi ma rnexxilhomx, u nispera li dawk li ġew jirrnexxilhom jittrażmettu il-ferħ u l-entużjażmu li ħassejna hemm lil dawk li ma ġewx. J'Alla issa lkoll kemm aħna nkunu NSARA VERI kull fejn inkunu!! VIVA IL-PAPA!!
d.Tonio Galea
1 comment:
Prosit tassew tas-sehem qawwi u sabih li l-parrocca tal-Munxar uriet til iz-zjara tal-Papa f' Malta, specjalment iz-zaghzagh li kellhom sehem attiv, l-aktar il-kugin tieghi Bredan. Prosit Kappillan Tonio tal-hegga li wrejtilhom biex kaxkarthom sa Xatt il-Bahar...
Mons. Jose Agius
Post a Comment