Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


Il-Ħamis, 22 ta’ April 2010

Benedittu ġie u mar...xi riflessjonijiet


Il-Q.T. l-Papa Benedittu XVI ġie u mar. Dam fostna 27 siegħa imma nemmen li ħa gost u ta gost. Il-poplu tagħna laqgħu bi ħġaru u tah merħba kif jistħoqqlu l-aqwa Kap ta’ Stat. Jiena naħseb li l-ebda Kap ieħor fid-dinja m’għandu daqshekk sudditi u allura ma niskantax li kemm dam fostna kaxkar lill-eluf kbar għal warajh. Dan huwa l-Vigarju ta’ Kristu fuq din l-art u fl-eta’ veneranda ta’ 83 sena, ħalla l-Vatikan u tar għal Malta fl-okkażjoni tal-1950 sena min-Nawfraġju ta’ San Pawl fostna fis-sena 60 W.K. Kemm dam hawn, għamel diversi diskorsi mportanti li fihom x’tixtarr u xi ttiegħem imma ħassu ferħan jiltaqa ma’ poplu li fil-maġġoranza għadu jgħożż lil Kristu u t-tagħlim tiegħu. Saħaq biex nissuktaw ngħożżu l-valuri nobbli tagħna u nibqgħu ngħidu ‘le’ għad-divorzju, għall-abort u għal tant pjagi oħra li qed iniżżlu lis-soċjeta’ għarkubbtejja. Talab biex inkomplu nsaħħu l-għaqda tal-familja għax fuq din tinbena kull soċjeta’. Id-diskorsi li għamlu l-President u l-Arċisqof ta’ Malta flimkien ma’ dak tal-Isqof t’Għawdex intlaqgħu tajjeb u kienu ppreparati ferm tajjeb. Il-Media ħaqqha Prosit għax tat ‘coverage’ tassew tajjeb u estensiv ta’ din iż-żjara li serviet biex Malta tkompli tissemma mal-barranin meta tiftakar li kien hawn mal-mitejn ġurnalist ġejjin minn barra l-pajjiż. F’din l-okkażjoni Knisja u Stat ħadmu id f’id biex din iż-żjara setgħet tirnexxi u jekk skond xi ilsna ntefqu l-liri, dawn laħqu l-miri tagħhom u jekk żidna xi kilometru tarmak u xi ftit fjuri, dawn issa se jibqgħu magħna u se ngawduhom aħna.

Sabiħa u kommoventi ferm kienet il-Quddiesa festa li saret fuq il-Fosos tal-Furjana u l-ferħ u l-uċuh ferħana ma naqsux. Is’setting’ kien wieħed tajjeb u t-temp kien ħanin ukoll. Jien kont hemm bħal ħafna Għawdxin oħra u magħna kien hemm il-kwadru tal-Perugino (1619); fraħna meta l-Papa ħalla l-altar u mar fi ħdan il-Madonna Ta’ Pinu u rregalalha “Una rosa d’Oro”. Mro John Galea kompla sebbaħ dik il-għodwa bil-mużika u l-Kor tiegħu. Sett gandlieri artistiċi mill-Bażilika ta’ San Gorġ Victoria komplew żejnu l-altar prinċipali. L-eluf kbar ta’ żgħażagħ li ħonqu l-Valletta Waterfront żgur li ma ddispjaċihomx u dawn taw xhieda ta’ dak li huma, fi kliem l-Isqof t’Għawdex, l-aqwa riżorsa li għandu u jista’ jkollu n-nazzjon. Fir-Rabat ukoll il-Papa ngħata merħba kbira u sellem lill-Appostlu Pawlu li qatta’ xi jiem f’din ix-xaqliba ta’ Malta. L-għadd kbir ta’ tfal u għalliema li mlew pjazza San Gorġ s-Sibt fil-għaxija żgur li jibqgħu jiftakru dik il-lejla. L-atmosfera li ħolqu ma tiddeskrivihiex. Wara kollox kienu qed jiltaqgħu ma’ Kristu (alter Christus) fuq din l-art li għandu biss jinsab il-veru ferħ. Dan il-ferħ il-Papa pprova jgħaddih ukoll lil dawk il-ftit irġiel li sab ħin jiltaqa’ magħhom wara l-battikata tal-Fosos; deher kommoss u wegħidhom mhux biss it-talb tiegħu imma kull għajnuna biex din il-problema, li ma hix ta’ Malta biss, issib tmiem ħelu għal kulħadd.

Issa li Benedittu ġie u mar, importanti li nerġgħu nisimgħu x’qalilna u nqiegħduh fil-prattika biex il-mawra tiegħu fostna ma tkunx ġiet u marret bla frott.

Kav Joe M Attard

No comments: