Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


It-Tlieta, 27 ta’ Novembru 2007

Seminar u Eżerċizzi dwar il-Lectio Divina

Seminar
Nhar il-Ħadd, 18 ta' Novembru numru sabiħ ta' parruċċani, minkejja t-temp ikrah, iddedikaw il-Ħadd wara nofs in-nhar biex jiġu għas-seminar li ġie organizzat mill-parroċċa tagħna ħalli nifhmu l-bżonn li nsiru aktar midħla tal-Kelma ta' Alla. Hemm diversi modi kif nistgħu nsiru "ħbieb ta' l-Evanġelju", wieħed minn dawn il-metodi hija l-prattika antika u moderna tal-Lectio Divina. Dan kien l-għan prinċipali ta' dan is-seminar, iġifieri li jintroduċina għal din il-prattika li ser tibda fil-parroċċa tagħna. Il-mistieden biex ikellimna dwar din il-prattika kien ir-rettur tas-Seminarju Dun Daniel Xerri li beda din l-esperjenza meta kien kappillna fil-parroċċa ta' San Lawrenz. Dawk li ġew is-seminar ħadu l-impenn li dak li riċivew f'dawk il-mumenti żbieħ jgħadduh lill-oħrajn, kif ukoll li jwasslu l-istedina tal-Lectio Divina fid-djar tal-komunita' parrokkjali tagħna.


Eżerċizzi

L-eżerċizzi, dejjem bl-istess tema u l-istess predikatur ġew milqugħa b'interess kbir, in-numru ta' dawk li attendew kien sabiħ ħafna. Pero' ta' min isemmi li s-skiet u l-attenzjoni waqt l-eżerċizzi kienet xi ħaġa li tħossa. Mument mhux tas-soltu f'dawn l-eżerċizzi kienet meta Dun Daniel ġab miegħu żewġ koppji biex jgħidu huma stess l-esperjenza tagħhom tal-Lectio Divina. Kienu żewġ koppji żgħażagħ bi tfal għadhom żgħar. Dawn spjegaw kif minkejja d-diffikultajiet biex imorru għall-laqgħa dejjem irnexxilhom isolvuhom u wrew li ħafna drabi l-frott ta' dawn il-mument diffiċli tispjegah bil-kliem.


Stedina
Matul dawn il-ġranet tqassmet stedina f'kull familja biex nhar it-Tnejn u l-Erbgħa nagħtu bidu għall-laqgħat tal-Lectio Divina, għal kulħadd u għall-koppji. L-istedina titlob minna risposta u impenn, il-firma li tridu tagħmlu fuq din l-istedina mhix xi kuntratt, imma hija sempliċi turija ta' l-impenn tagħkom li ser tagħmlu minn kollox biex la darba tibdew tattendu dawn il-laqgħat ser tagħmlu dan b'regolarita.


Għalhekk bħala Kappillan tagħkom, nistedinkom sabiex ma tħallux dan il-mument ta' grazzja jgħaddi bħal mumenti oħra. Nitolbkom biex tpoġġu d-diffikultajiet, li żgur li kull wieħed u waħda minna għandu, fit-tieni post waqt li tpoġġu fl-ewwel post il-bżonn li nkunu nsara awtentiċi.

Dun Tonio
Kappillan

No comments: