Kienet xewqa ta' ħafna, dik li fil-knisja tagħna jkollna l-istatwa tant devota msejjħa "tar-Redentur", jew aħjar ta' Ġesu' li qiegħed iġorr is-Salib fi triqtu lejn il-Golgota. Il-kelma "Redentur" tfisser ħafna aktar minn raġel li qed iġorr salib għax ikkundanat għal mewt, raġel b'kuruna tax-xewk u kollhu demm. Il-kelma "Redentur" tfisser "dak li ħeles lil xi ħadd", "liberatur", "salvatur". Mela meta nisimgħu l-kelma "Redentur" mhux neċessarjament nifhmu raġel ta' min jitħassru, forsi anke meta mmoru nitolbu quddiem din ix-xbieha, l-ewwel kelma jew ħsieb li jkollna huwa: "miskin". Pero' il-fidi tagħna tgħidilna xi ħaġa aktar minn hekk, dak mhux "miskin", imma kif ngħidu aħna stess "Redentur", għax billi ħa fuqhu s-Salib tagħna, id-dnub tagħna huwa ħeles lilna mid-dnub. Ir-Redentur għandu jfakkarna wkoll li waqt li hu ġarr is-Salib tiegħi u tiegħek, id-dmir tagħna huwa ħafna aktar sempliċi, għax aħna msejjħin inġorru biss is-salib tagħna personali, biex aħna wkoll permezz tas-Salib tagħna tal-ħajja ta' kuljum nilqgħu r-Redenzjoni li ġabilna Ġesu Kristu. Għalhekk meta fil-knejjes tagħna naraw din l-istatwa ma' nieqfux biss fuq il-"miskin kemm bagħta", imma niftakkru li Kristu fuq kollox "SALVANA" u bħal ma' jgħid l-Appostlu Missierna San Pawl: "Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta' ġisimkom." 1 Kor 6, 20.
Din l-istatwa sabiħa li issa għandna fil-Knisja tagħna, saret mill-artist Għawdxi Joseph Cutajar Zahara mir-Rabat. Is-Salib tal-Kewba sar mill-mastrudaxxa Paul Curmi (ta' Spiru) u l-istatwa u s-Salib ġew imħallsa minn Salvinu Mercieca (tal-Ġermaniż) u uliedu. Grazzi wkoll lil Kan. Karm Curmi li ħa ħsieb dan il-proġett fuq xewqa tal-familja Mercieca.
No comments:
Post a Comment