Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


Il-Ħamis, 26 ta’ Marzu 2009

Pellegrinaġġ Pawlin

Nhar il-Ħamis, 19 ta' Marzu, filwaqt li ċċelebrajna l-Festa ta' San Ġużepp, il-Parroċċa tagħna organizzat Pellegrinaġġ Pawlin fil-Gżira ta' Malta. Dan il-Pellegrinaġġ kien immexxi mill-Kappillan Dun Tonio Galea u fih ħadu sehem madwar 75 persuna, fosthom it-tfal li f'dik il-ġurnata stess iċċelebraw il-Festa ta' l-Ewwel Qrara. Il-Pellegrinaġġ kien jikkonsisti fi żjajjar lil diversi kappelli u knejjes idedikati lil San Pawl. F'kull Knisja li żorna kienet issir vista ċkejkna, ħsieb dwar il-ħajja ta' San Pawl u mument żgħir ta' talb fis-skiet.

L-ewwel knisja li żorna, kif jidher mir-rittratt ta' hawn fuq kienet dik ta' "San Pawl tal-Ħġejjeġ" li tinsab f'San Pawl il-Baħar. Interessanti li din il-Knisja ma' kienetx minn dejjem fil-post fejn tinsab illum, imma qabel kienet mibnija fejn illum hemm it-torri. Il-Kavallieri ta' Malta peress li fejn kien hemm il-Kappella kien post tajjeb ħafna għat-torri, minħabba d-difiża ta' Malta neħħew il-Knisja u bdew torri.



It-tieni knisja kienet il-Parroċċa ta' Ħal Safi, iddedikata wkoll lin-Nafraġju ta' San Pawl. Anke din hija knisja ħelwa u ċkejkna imma miżmuma tajjeb ħafna. F'din il-Parroċċa għandhom statwa ta' San Pawl ta' l-injam, waħda mill-istatwi li jidhru fil-Bolli li din is-sena il-Posta ħarġet fl-okkażjoni tas-sena Pawlina.


Wieħed mill-postijiet Palwini l-aktar importanti huwa l-Katidral ta' l-Imdina, fejn kif tistgħu taraw mir-rittratt ta' hawn fuq, bħalissa fil-Katidral hemm esposta ikona kbira tal-fidda ta' l-Appostlu Missierna San Pawl. F'din l-Ikona jidhru tlett simboli importanti marbuta ma' San Pawl. Ix-xabla, simbolu tal-Kelma ta' Alla li hija mqabbla ma' xalba li taqta minn żewġt ixfar. Il-Ktieb, simbolu ieħor tal-Kelma ta' Alla li Pawlu kien imsejjaħ biex ixandar lill-Ġnus. U s-siġġu, l-post li juri li dik il-persuna għandha l-awtorita' li tkun Appostlu u Pawlu stess jgħidilna li hu kiseb din l-awtorita' minn għand Kristu stess.
Kif konna l-Imdina morna wkoll inżuru l-festa ta' San Ġużepp fir-Rabat, inzertajna hemm kif spiċċa l-Pontifikal u kellna ċ-ċans insellmu lill-E.T. Mons. Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca kif ukoll lill-E.T. Mons. Arċisqof Pawlu Cremona.

Post ieħor għażiż għalina l-Maltin u l-Għawdxin hija l-grotta ta' San Pawl, li fuqha llum hemm mibnija l-Parroċċa ta' San Pawl fir-Rabat. Kellna ċ-ċans ninżlu fil-grotta u hemm ukoll għamilna mument ta' talb qasir. It-tradizzjoni tgħidilna li San Pawl kien jgħix f'dan il-post fi żmien li għamel Malta, din il-grotta kienet tinfed ma' dawk li aħna ngħidulhom il-Katakombi ta' San Pawl. Dan huwa post għażiż għax jekk inżommu li hemmhekk kien jgħix San Pawl fi tlett xhur li dam Malta, mela hemmhekk ġiet iċċelebrata l-ewwel quddiesa fil-gżejjer tagħna.
L-aħħar knisja li żorna fi triqtna lejn Għawdex kienet dik tal-Wied ta' Birkirkara. Knisja żgħira ħafna, imma ħelwa u miżmuma tajjeb ħafna. Fost il-pittura li għandha mas-saqaf insibu waħda, probabilment unika fil-gżejjer tagħna, dik ta' San Pawl jiċċelebra l-Ewkaristija.
Naħseb li kienet esperjenza sabiħa ħafna dan il-Pellegrinaġġ Pawlin, mhux biss għax żorna knejjes li forsi qatt ma' dħalna fihom, imma wkoll għax kellna ċans nirriflettu b'mod idfferenti fuq il-ħajja ta' San Pawl.

Ma dawn il-knejjes, ovvjament ippruvajna wkoll inżuru l-Knisja ta' San Pawl tal-Belt, imma peress li l-Belt wasalna kmieni wara nofs inhar u kienet festa pubblika inzerta l-ħin li l-Knisja kienet magħluqa.

No comments: