Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


L-Erbgħa, 23 ta’ April 2008

Munxar Synthetic Pitch

Il-Klabb tal-Munxar Falcons F.C. ilu mwaqqaf għal dawn l-aħħar sitta u tletin sena li matulhom ikkompetejna b’xorti alterna fil-kampjonati tal-Gozo Football Association. Matul dawn is-snin irbaħna tlett darbiet in-knock out tat-Tieni Diviżjoni kif ukoll l-istess kampjonat fis-sena 1990/91. L-għola livell ilntalaħaq meta fil-kampjonat 1994/95 il-Klabb tagħna ta’ sfida qawwija għar-rebħ tal-għola kampjonat Għawdxi fejn temmejna l-istaġun fit-tielet post. Fis-snin ta’ wara waqgħet ċertu apatija li wasslet sabiex fis-sena 2000 il-Klabb issospenda l-attivita’ tat-team tal-Kbar. Pero’ minn dak inhar stess tqegħdet il-bażi sabiex il-Munxar Falcons jirritornaw fuq il-passi tal-passat. Twaqqfet Nursery li fl-aħħar tmien snin stabilixxiet ruħha fost l-aktar organiżżati f’Għawdex u seba snin wara li kien ġie xolt reġa ingħaqad it-team tal-Kbar li b’suċċess għadu kemm temm l-ewwel kampjonat tagħna fit-Tieni Diviżjoni.

Matul dawn is-snin kollha bħala Klabb dejjem għamilna użu mill-ground taċ-Ċentru Parokkjali li fis-snin l-imgħoddija kien wieħed pjuttost tajjeb iżda żgur li kull min jilgħab il-football joħlom li jgħamel dan f’xi Stadium kbir u modern fuq wiċċ tal-ħaxix. Aħna fiċ-ċokon tagħna konna naspiraw li naslu sabiex nilgħabu fil-Gozo Stadium wara siegħat ta’ taħriġ fuq iż-żrar u t-tarmak. Pero’ llum, dik il-ħolma saret realta’. Ma għandniex Stadium u anqas ground tal-ħaxix naturali pero’ il-pitch taċ-ċentru inbidel minn wieħed tar-ramel għal wieħed b’wiċċ sintetiku li zgur ikkumplimenta ċ-Ċentru Parrokkjali tagħna li huwa wieħed mill-aħjar fil-gżira Għawdxija.


Dan il-proġett ma twettaqx mill-llum għall-għada u x-xogħol li talab kif ukoll l-ispejjeż ta’ biex twettaq u ta’ manteniment huma sostanzjali. L-ewwel li kien issemma’ li jkollna ground tat-turf kien madwar is-sena 1993, meta jien kont għadni biss tifel, pero’ dak iż-żmien l-ispiża sabiex dan isir kienet impossibli li tintlaħaq minn raħal żgħir bħal tagħna. Matul is-snin minħabba raġunijiet varji fosthom anke l-pawsa li ħa l-Klabb mill-attivita’ fil-kompetizzjonijiet tal-G.F.A. miet kollox u nażżarda ngħid li anke l-ground kif kien kien żejjed. Mas-snin pero’ ir-raħal tagħna kiber u miegħu kibret u ssaħħet in-Nursery tal-Klabb tagħna li tagħat u qed tgħati ħajja ġdida liċ-Ċentru Parrokkjali.

Fl-2006 il-U.E.F.A., l-assoċċjazzjoni li tmexxi l-football fl-Ewropa sabiex tiċċelebra l-anniversarju tagħha nediet skema li permezz tagħha qassmet bi prezz mraħħas grounds b’wiċċ sintetiku fil-pajjiżi kollha affiljati magħha. F’Għawdex fost l-ewwel li bbenifikaw minn din l-iskema kien hawn San Lawrenz u l-Għarb. Aħna bdejna l-kuntatti sabiex nibbenifikaw minn din l-iskema fil-Presentation Dinner tal-G.F.A. f’Ġunju 2006. L-ewwel stima kienet ta’ Lm7000 għal ground. Ma’ dawn kellna bżonn madwar Lm4000 oħra sabiex nirranġaw il-wiċċ preżenti li ma kienx livellat. Il-Kumitat flimkien mal-Kappillan ta’ dak iż-żmien, Fr. Frankie Bajada, għamlu diversi talbiet għall-għajnuna. F’Mejju tal-2007 in-National Lotteries Good Causes Fund infurmawna li kienu se jiffinanzjaw il-ground tagħna u għalhekk b’ħeġġa ġdida bdejna nippjanaw dan il-proġett.



Ix-xogħol sabiex jittranġa l-wiċċ tal-ground tagħna ingħata lis-sur Sammy Spiteri. Dan ix-xogħol beda nhar it-13 ta’ Ġunju 2007. Sal-aħħar ta’ Lulju kienu tneħħew il-kolonni li nbidlu ma’ armatura tal-konkos, ġie nvellat il-wiċċ u tlestiet l-art li fuqa kellu jitqiegħed il-U.E.F.A. mini-pitch. Il-mira tagħna kienet li sal-aħħar t’Awwissu jkollna kollox lest sabiex kemm in-Nursery kif ukoll it-team tal-Kbar li kien qed jirritorna wara seba’ snin ikunu jistgħu jibbenifikaw minnu. Sfortunatament minħabba xi diżgwid u nuqqas ta’ fiehim bejn il-G.F.A. u l-M.F.A. il-wiċċ sintetiku baqa’ ma wasalx. F’Novembru għalhekk iddeċidejna li nippruvaw nixtru l-wiċċ aħna mingħand kumpanija privata. Wara li nġabru diversi stimi ntagħżel il-‘ħaxix’ tal-kumpanija 389Ltd.. Wara laqgħa li saret f’Diċembru, erbgħa membri tal-Kumitat f’Jannar 2008 iffirmaw il-kuntratt u ħallsu depożitu fuq il-ground.

Peress li nbidel il-wiċċ li kien se jitpoġġa kellna nerġgħu ngħamlu xi alterazzjonijiet fil-ground tagħna. Dawn mill-ġdid saru minn Sammy Spiteri. Dan kien neċessarju għaliex il-wiċċ sintetiku li ordnajna kien ikbar minn dak li kien se jiġi permezz tal-iskema tal-U.E.F.A.. Il-pitch il-ġdid huwa 40metru twil bi 17-il metru wiesgħa. Nhar is-17 ta’ Marzu 2008 il-ħaddiema tal-kumpanija 389Ltd. bdew jiftħu l-ħdax-il tapit li jiffurmaw il-pitch tagħna. Wara li dawn ingħaqdu it-‘turf’ imtela’ b’ramel u lasktu (rubber) apposta sabiex min jilgħab fuqu jkollu sensazzjoni li qed jilgħab fuq ħaxix normali. Dan ix-xogħol ħa kważi ġimgħatejn. Nhar il-Ħadd 30 ta’ Marzu 2008 l-Klabb organiżża l-ewwel tournament li fih it-tfal tal-Under 11 u l-Under 9 lagħbu kontra xulxin u inawguraw il-pitch b’mod uffiċċjuż.


Minkejja li beda jintuża l-proġett għadu mhux lest. Bħalissa qed isiru l-arbli għall-floodlights. Dawn qed jinħadmu minn Daniel Curmi. Baqalna ndawru l-ground b’fence kif ukoll hemm il-ħsieb li l-quddiem il-ground jissaqqaf b’xibka apposta. Fl-istess waqt qed jiġi mmodernizzat il-premises tal-Klabb u hemm il-ħsieb li l-quddiem jkollna l-faċilita’ ta’ fitness gym ma’ ġenb l-istess ground sabiex inkomplu nikkumplimentaw dan il-proġett.

Il-Klabb u l-Kappillan, Fr Tonio Galea, jirringrazzjaw lil Ministru għall-Għawdex, l-Hon. Ġiovanna Debono, il-Ministru tal-Finanzi, l-Hon. Tonio Fenech u l-Kunsill Lokali tal-Munxar tal-għajnuna finanzjarja li taw u qed jgħatu sabiex inwettqu dan il-proġett. Nirrigrazzjaw ukoll lil-familji Curmi (ta’ Bertu) u Mercieca (tal-Ġermaniż) li matul ix-xogħol tawna aċċess mill-propjeta’ tagħhom. Ringrazzjament ieħor imur lil dawk kollha li jorganiżżaw il-bar tal-festa li irregalaw apparat għall-gym. Fl-aħħar nirringrazzjaw lil dawk il-voluntiera kollha li taw siegħat sħaħ mill-ħin tagħhom u ħadmu sabiex din il-ħolma ssir realta’.


Nistednukom tiġu sal-grawnd taċ-Ċentru biex taraw b’għajnejkom x’bidla seħħet fih. Iktar u iktar meta jkun hemm it-tfal jilgħabu. Diġa organiżżajna tlett tournaments għat-tfal tan-Nursery tagħna anke ma’ timijiet Maltin li lkoll faħħru dan il-proġett u l-organiżżazzjoni tagħna. It-tfal ikun fihom għaxqa jiġru fuq dak il-ħaxix aħdar. Aħna nieħdu pjaċir immens meta naraw xi wiċċ ġdid jersaq ‘l hemm. Għandna uħud li diġa bdew jibbukkjaw u jħallsu biex jilgħabu ħalli nnaqqsu mill-ispiża li fadlilna. Wara kollox u b’tant spejjeż ma nistgħux inħallu kollox mitluq u jitħalla jitkisser. Qed ninsistu ħafna li tinżamm l-indafa u din qed tidher. Min ikun jixtieq jikri l-pitch, jew ikun jaf b’xi ħadd li jixtieq jikri l-pitch, jista’ jibbukkja fuq 99453507.

Ngħalaq b’appell. Għandna Ċentru Parrokkjali li huwa ġawrha u ftit hawn bħalu f’ Għawdex. Nappella sabiex kullħadd jibża’ għalieh u jieħu ħsieb il-faċilitajiet li għandna. Kull ma jsir jitlob ħafna spejjeż u xogħol u għalhekk nuqqas t’attenzjoni u vadaliżmu ma jagħmlu tajjeb lil ħadd. Rigward il-pitch baqa’ ħafna xogħol xi jsir u kull min jixtieq jgħin b’xi mod, kemm permezz ta’ xogħol kif ukoll donazzjonijiet jista’ jikkuntattja lil Kappillan jew lil xi membru tal-Kumitat.

Dan huwa rigal tagħna, id-dilettanti tal-futbol flimkien mal-Kappillan, lit-tfal u żgħażagħ kollha tal-Munxar u Xlendi f’għeluq il-50 anniversarju bħala parroċċa. ‘Il quddiem beħsiebna niċċelebraw dan il-proġett kif jixraq.

Joseph Xerri
Segretarju tal-Munxar Falcons F.C.

1 comment:

Anonymous said...

Din hija holma li llum saret realta'. Nghid holma ghax kien ilna snin twal inkewsu u nahsbu dwar din ix-xewqa li naraw ground bit-turf. Forsi kienet ukoll xewqa li nibtet ferm snin qabel ma saru grounds ohra bit-turf f'Ghawdex. Pero' kull bidu fih it-tmiem. Nixtieq niehu l-okkazjoni biex minn dan is-sit nirringrazzja ukoll lil Dun Frankie Bajada, li meta kien ghadu l-Kappillan taghna kien imbuttana bis-shih biex ma naqtghux qalbna. Issa ghandna gawhra li rridu nibzghu ghaliha u rridu lkoll flimkien inkunu responsabbli (mhux Kappillan u membri tal-Klabb biss) li ma nhallux li ssirlu hsara.