Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


Is-Sibt, 9 ta’ Frar 2008

SOLENNITA' TA' SAN PAWL NAWFRAGU

ritratt: joe zammit

Illum il-Knisja f'Għawdex u Malta tiċċelebra b'Solennita' kbira l-Festa tan-Nawfragju ta' l-Appostlu Missierna San Pawl. Din hija okkażżjoni ta' ferħ u radd il-ħajr lil Alla, kif ukoll mument ta' riflessjoni sabiex naraw il-fidi tagħna, dik li aħna qed ngħaddu lil uliedna kemm hija fidi ħajja.

Għalhekk f'dan il-jum, l-ewwel u qabel kollox inroddu ħajr lil Alla permezz ta' l-Appostlu tal-ġnus, li Alla fil-providenza infinita' tiegħu għoġbu jibgħatilna biex jurina lil Ibnu Ġesu Sidna. Inroddu ħajr lil Alla, għal Missirijietna li b'fedelta', bil-kelma u bl-eżempju tagħhom għaddewlna l-fidi li huma rċevew. Tassew għandna għalfejn nirringrazzjaw lil Alla, għax ħabbna sa mil-bidu, sa mill-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżimu.
Imma jekk għandna ħafna raġunijiet għalfejn għandna nfaħħru lil Alla u nirringrazzjawh daqshekk ieħor għandna nħossuna responsabli biex dan id-don hekk prezzjuż, li aħna rċevejna sa mill-ewwel żminijiet tal-knisja, anzi minn għand l-Appostlu tal-Ġnus innifsu, ma naħħluħx jintilef. Irridu niftakkru kontinwament li l-fidi hija rigal, rigal li jeħtieġ nieħdu ħsieb, li jeħtieġ ngħadduh lill-oħrajn. Ma għandna l-ebda garanzija li dak li rċevejna aħna ser jirċievuh uliedna jekk ma nkunux aħna stess li ngħixu dak li rċevejna, biex imbagħad bħal Missirjietna, aħna wkoll bil-kelma u bl-eżempju nwasslu l-fidi lil uliedna u lil ulied uliedna.

Illum il-poplu tal-Munxar flimkien ma' nies oħra li jiġu minn barra r-raħal ser jiċċelebra din il-festa permezz ta' Konċelebrazzjoni Pontifikali li din is-sena ser tkun immexxija mill-Arċisqof Emeritus Mons. Ġużeppi Mercieca. Mill-qalb nirringrazzjaw lil Mons. Mercieca li aċċetta li jiġi jaqsam il-ferħ ta' din il-festa magħna u nwegħduh it-talb tagħna. Minn qalbi nixtieq il-festa t-tajba lil kulħadd.
VIVA SAN PAWL!!

No comments: