Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


L-Erbgħa, 6 ta’ Frar 2008

RAS IR-RANDAN - "Xi tridu? X'qegħdin tifttxu?"

"Xi tridu? X'qegħdin tifttxu?"

Din hija l-mistoqsija li Ġesu' għamel lill-ewwel dixxipli tiegħu li marru biex jimxu warajh. Din hija l-mistoqsija li għamlulna l-isqfijiet tagħna nhar il-Ħadd li għadda fil-pastorali tar-Randan għal din is-sena.
U llum, Ras ir-Randan, nerġgħu intennu lilna nfusna din il-mistoqsija:
"Xi tridu? X'qegħdin tifttxu?"
Illum x'kienet dik il-ħaġa li mbuttatni biex immur il-knisja jew ma mmurx?

  • Għax illum Ras ir-randan?
  • għax hekk soltu nagħmel?
  • għax kulħadd hekk jagħmel?

Illum x'ġegħlni nagħmel jew ma nagħmilx il-famuża sawma?

  • għax inkella nħossni ħati/ja?
  • somt, imma kelli dwejjaq kbar?
  • somt, imma qagħadt inkejjel kemm suppost niekol, u tgħid togħodli s-sawma?

U għalhekk mill-ġdid toħroġ il-mistoqsija: "Xi tridu? X'qegħdin tifttxu?"


Ġesu, fil-vanġelu tal-llum ikellimna fuq it-tlett pilastri ta' dan iż-żmien partikulari, jew aħjar fuq it-tlett għajnuniet biex aħna jkollna relazzjoni tajba, ma' l-oħrajn, ma' Alla u magħna nfusna.

1. Il-Karita' - Ir-relazzjoni tiegħi ma' l-oħrajn.

Ir-randan jistedinna l-ewwel u qabel kollox sabiex niftħu qalbna lejn l-oħrajn: "ċartu qlubkom u mhux ilbieskom", jgħid il-rofeta fl-ewwel qar tal-llum. Għalhekk fil-prattika, aktar milli ndaħħlu jdejna fil-but u noffru xi ħaġa miż-żejjed li għandna, aħna msejjħin biex noffru l-ħin u t-talenti tagħna lil oħrajn, lil dawk li forsi huma l-aktar qrib tagħna (ir-raġel, il-mara, uliedna, ħutna, fuq ix-xogħol) u forsi huma l-aktar nies li ninsew. Ngħaddu xi ftit mill-ħin tagħna ma' xi marid, anzjan/a, ma xi ħadd li għaddej minn sitwazzjoni diffiċli. Fi kliem ieħor "naħlu" ftit ħin għal xi ħadd.

2. Talb - Ir-relazzjoni tiegħi ma Alla.


Hemm it-talb tradizzjonali dak li nafu bl-amment. F'dan iż-żmien partikulari tispikka t-talba tal-VIA CRUCIS li tgħinna nimmeditaw l-imħabba kbira ta' Alla għalina. Dan kollhu huwa importanti u ta' min jinkoraġġih, pero' niftakkru li t-talb ma jiqafx hawn, hemm tip ta' talb ieħor li ma rridux ninsew biex it-talba tagħna tkun sħiħa. Hemm id-djalogu personali tiegħi ma Alla fl-adorazzjoni, f'dawn il-ġranet ser ikollna l-Kwaranturi, l-adorazzjoni tas-Sibt fil-għaxija ecc. It-talb mhux biss jien x'ser ngħid, imma t-talb huwa wkoll smigħ tal-Kelma ta' Alla. Fuq dan hemm ħafna x'insemmu, pero' nsemmi biss, l-eżerċizzi li ser ikollna f'dawn il-ġranet, kif ukoll il-Lectio Divina ta' kull ġimgħa.

3. Is-Sawm - Ir-relazzjoni miegħi innifsi.

Minbarra l-obbligu li tagħtina l-Knisja għall-llum u għal nhar il-Ġimgħa l-Kbira, hemm ħafna aktar modi kif aħna nistgħu nsumu. Minkejja li ma' hemmx l-obbligu tas-sawm fil-ġranet tar-Randan, niftakkru li r-Randan xorta huwa żmien privileġġat għas-sawm, b'mod partikulari l-ġurnata tal-Ġimgħa. Meta jien insum inkun qed niċċaħħad minn xi ħaġa li togħġobni. Imma GĦALFEJN INSUM? Biex niftakar li l-aktar ħaġa neċessarja f'ħajti... aktar mill-IKEL, huwa ALLA. Tipi ta' sawm: nista' nsum mill-vizji, mit-T.V., mill-qari vojt, mid-divertiment żejjed, mill-paroli żejjed, mill-ġudizzji fuq l-oħrajn, milli nittratta ħażin lil dawk l-aktar qrib tiegħi eċċ., u nistgħu nżiedu kemm irridu.

X'inhu s-sinifikat tal-Irmied?


Is-saċerdot x'ħin immorru fejnu jgħidilna: "trab kont u trab terġa' ssir" jew "indem u emmen fil-bxara t-tajba". U dawn huma ż-żewġ sinifikati ta' dan il-ġest. "trab kont u trab terġa' ssir" ifakkarna fir-realta' tagħna, f'dinja fejn qed tgħidilna li l-bniedem huwa auto suffiċċjenti, illum il-knisja qed tfakkarna li aħna m'aħna xejn u Alla huwa kollox. Bil-kliem: "indem u emmen fil-bxara t-tajba", il-knisja qed tfakkarna li r-Randna mhux biss il-jum ta' Ras ir-Randan u mbagħad nerġgħu niltaqgħu għal Ġimgħa l-Kbira, imma huwa mixja li jeħtieġ nieħdu b'impenn.

Nispiċċa bit-twissija ta' San Pawl Appostlu, li tiegħu ser niċċelebraw il-festa nhar is-Sibt li ġej. Tajjeb li qabel niċċelebrah inkunu nafu x'qal u nisimugħ!!


"Nitlobkom f'ġieħ Kristu, ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu. Dak li ma kienx jaf x'inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta' Alla... nħeġġukom biex ma tirċievux il-grazzja tiegħu għal xejn!" (2Kor 5, 20-21; 6, 1).

No comments: