Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


Il-Ħadd, 17 ta’ Frar 2008

Il-Pawlin Munxarin u l-Pawlini Beltin


Kienet esperjenza sabiħa ħafna dik tal-bieraħ, meta grupp sabiħ ta' madwat tletin ruħ, ta' Pawlini Munxarin inagħqdu mal-Pawlini Beltin fil-festa ta' l-Appostlu Missierna San Pawl li fil-Belt Valletta ġiet iċċelebrata l-bieraħ.

Minkejja li tlaqna f'temp li ma tantx kien jagħmillek kuraġġ, pero' donnu kien hemm xi ħaġa tgħidilna li t-temp kien ser jinbidel. Fil-fatt hekk ġara, għax minn x'ħin wasalna Malta sa x'ħin konna ġejjin lura ma għamlitx qatra xita, u stajna ngawdu l-festa kollha.

PONTIFIKAL


Kif wasalna l-Belt ilħaqna l-aħħar biċċa tal-quddiesa Pontifikali mmexxija mill-Arċisqof ta' Malta Mons. Pawlu Cremona. Konna fil-ħin biex nisimgħu l-Antifona ta' l-Appostlu Missierna li ndaqqet fl-aħħar tal-quddiesa. Dritt wara l-pontifikal bqajna fil-knisja biex nisimgħu l-quddiesa ta' 11.45am.

MARĊ TA' 12.00pm


Wara l-quddiesa ovvjament ilkoll kemm aħna morna nieklu xi ħaġa, imbagħad morna fil-bidu ta' triq San Pawl fejn il-marċ ta' filgħodu jilħaq il-qofol tiegħu, meta l-ammont ta' karti li jitfgħu waqt dan il-marc ikun impressjonanti kif juru xi rittratti li ħadna.

IL-PURĊISSJONI


Ovvjament l-aktar mument mistenni minna lkoll li morna l-Belt Valletta u minn nies kollha preżenti kien dak tal-Purċissjoni bl-istatwa ta' l-Appostlu Missierna San Pawl. Mument uniku u sabiħ ħafna kien meta l-purċissjoni waslet quddiem il-Kon-Katidral ta' San Ġwann u hemmhekk inqrat is-silta tant għażiża għalina lkoll mill-Atti ta' l-Appostli: "u sirna nafu li l-gżira kien jisimha MALTA". Dritt wara dan il-qari flimkien man-nies kollha preżenti stqarrejna l-fidi tagħna. Minn hawn komplejna mexxijin mal-purċissjoni kważi sa fejn il-knisja fejn daħlet il-purċissjoni.

Nerġa' ngħid li verament kien mument sabiħ ħafna dak tal-bieraħ. Minn qalbna nirringrazzjaw lil Pawlini Beltin li laqgħu lil ħuthom Pawlini Munxarin biex flimkien iċċelebrajna l-festa tant għażiża għalina l-lkoll. Minn qalbna nirringrazjahom u minn issa nistednuhom biex f'Mejju li ġej jinagħqdu magħna ħalli niċċelebraw flimkien din il-festa fil-parroċċa tagħna li din is-sena qed tfakkar il-50 sena mit-twaqqif tagħha.
ara r-rittratti l-oħra hawn: http://picasaweb.google.it/munxarparish

Is-Sibt, 9 ta’ Frar 2008

SOLENNITA' TA' SAN PAWL NAWFRAGU

ritratt: joe zammit

Illum il-Knisja f'Għawdex u Malta tiċċelebra b'Solennita' kbira l-Festa tan-Nawfragju ta' l-Appostlu Missierna San Pawl. Din hija okkażżjoni ta' ferħ u radd il-ħajr lil Alla, kif ukoll mument ta' riflessjoni sabiex naraw il-fidi tagħna, dik li aħna qed ngħaddu lil uliedna kemm hija fidi ħajja.

Għalhekk f'dan il-jum, l-ewwel u qabel kollox inroddu ħajr lil Alla permezz ta' l-Appostlu tal-ġnus, li Alla fil-providenza infinita' tiegħu għoġbu jibgħatilna biex jurina lil Ibnu Ġesu Sidna. Inroddu ħajr lil Alla, għal Missirijietna li b'fedelta', bil-kelma u bl-eżempju tagħhom għaddewlna l-fidi li huma rċevew. Tassew għandna għalfejn nirringrazzjaw lil Alla, għax ħabbna sa mil-bidu, sa mill-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżimu.
Imma jekk għandna ħafna raġunijiet għalfejn għandna nfaħħru lil Alla u nirringrazzjawh daqshekk ieħor għandna nħossuna responsabli biex dan id-don hekk prezzjuż, li aħna rċevejna sa mill-ewwel żminijiet tal-knisja, anzi minn għand l-Appostlu tal-Ġnus innifsu, ma naħħluħx jintilef. Irridu niftakkru kontinwament li l-fidi hija rigal, rigal li jeħtieġ nieħdu ħsieb, li jeħtieġ ngħadduh lill-oħrajn. Ma għandna l-ebda garanzija li dak li rċevejna aħna ser jirċievuh uliedna jekk ma nkunux aħna stess li ngħixu dak li rċevejna, biex imbagħad bħal Missirjietna, aħna wkoll bil-kelma u bl-eżempju nwasslu l-fidi lil uliedna u lil ulied uliedna.

Illum il-poplu tal-Munxar flimkien ma' nies oħra li jiġu minn barra r-raħal ser jiċċelebra din il-festa permezz ta' Konċelebrazzjoni Pontifikali li din is-sena ser tkun immexxija mill-Arċisqof Emeritus Mons. Ġużeppi Mercieca. Mill-qalb nirringrazzjaw lil Mons. Mercieca li aċċetta li jiġi jaqsam il-ferħ ta' din il-festa magħna u nwegħduh it-talb tagħna. Minn qalbi nixtieq il-festa t-tajba lil kulħadd.
VIVA SAN PAWL!!

L-Erbgħa, 6 ta’ Frar 2008

RAS IR-RANDAN - "Xi tridu? X'qegħdin tifttxu?"

"Xi tridu? X'qegħdin tifttxu?"

Din hija l-mistoqsija li Ġesu' għamel lill-ewwel dixxipli tiegħu li marru biex jimxu warajh. Din hija l-mistoqsija li għamlulna l-isqfijiet tagħna nhar il-Ħadd li għadda fil-pastorali tar-Randan għal din is-sena.
U llum, Ras ir-Randan, nerġgħu intennu lilna nfusna din il-mistoqsija:
"Xi tridu? X'qegħdin tifttxu?"
Illum x'kienet dik il-ħaġa li mbuttatni biex immur il-knisja jew ma mmurx?

  • Għax illum Ras ir-randan?
  • għax hekk soltu nagħmel?
  • għax kulħadd hekk jagħmel?

Illum x'ġegħlni nagħmel jew ma nagħmilx il-famuża sawma?

  • għax inkella nħossni ħati/ja?
  • somt, imma kelli dwejjaq kbar?
  • somt, imma qagħadt inkejjel kemm suppost niekol, u tgħid togħodli s-sawma?

U għalhekk mill-ġdid toħroġ il-mistoqsija: "Xi tridu? X'qegħdin tifttxu?"


Ġesu, fil-vanġelu tal-llum ikellimna fuq it-tlett pilastri ta' dan iż-żmien partikulari, jew aħjar fuq it-tlett għajnuniet biex aħna jkollna relazzjoni tajba, ma' l-oħrajn, ma' Alla u magħna nfusna.

1. Il-Karita' - Ir-relazzjoni tiegħi ma' l-oħrajn.

Ir-randan jistedinna l-ewwel u qabel kollox sabiex niftħu qalbna lejn l-oħrajn: "ċartu qlubkom u mhux ilbieskom", jgħid il-rofeta fl-ewwel qar tal-llum. Għalhekk fil-prattika, aktar milli ndaħħlu jdejna fil-but u noffru xi ħaġa miż-żejjed li għandna, aħna msejjħin biex noffru l-ħin u t-talenti tagħna lil oħrajn, lil dawk li forsi huma l-aktar qrib tagħna (ir-raġel, il-mara, uliedna, ħutna, fuq ix-xogħol) u forsi huma l-aktar nies li ninsew. Ngħaddu xi ftit mill-ħin tagħna ma' xi marid, anzjan/a, ma xi ħadd li għaddej minn sitwazzjoni diffiċli. Fi kliem ieħor "naħlu" ftit ħin għal xi ħadd.

2. Talb - Ir-relazzjoni tiegħi ma Alla.


Hemm it-talb tradizzjonali dak li nafu bl-amment. F'dan iż-żmien partikulari tispikka t-talba tal-VIA CRUCIS li tgħinna nimmeditaw l-imħabba kbira ta' Alla għalina. Dan kollhu huwa importanti u ta' min jinkoraġġih, pero' niftakkru li t-talb ma jiqafx hawn, hemm tip ta' talb ieħor li ma rridux ninsew biex it-talba tagħna tkun sħiħa. Hemm id-djalogu personali tiegħi ma Alla fl-adorazzjoni, f'dawn il-ġranet ser ikollna l-Kwaranturi, l-adorazzjoni tas-Sibt fil-għaxija ecc. It-talb mhux biss jien x'ser ngħid, imma t-talb huwa wkoll smigħ tal-Kelma ta' Alla. Fuq dan hemm ħafna x'insemmu, pero' nsemmi biss, l-eżerċizzi li ser ikollna f'dawn il-ġranet, kif ukoll il-Lectio Divina ta' kull ġimgħa.

3. Is-Sawm - Ir-relazzjoni miegħi innifsi.

Minbarra l-obbligu li tagħtina l-Knisja għall-llum u għal nhar il-Ġimgħa l-Kbira, hemm ħafna aktar modi kif aħna nistgħu nsumu. Minkejja li ma' hemmx l-obbligu tas-sawm fil-ġranet tar-Randan, niftakkru li r-Randan xorta huwa żmien privileġġat għas-sawm, b'mod partikulari l-ġurnata tal-Ġimgħa. Meta jien insum inkun qed niċċaħħad minn xi ħaġa li togħġobni. Imma GĦALFEJN INSUM? Biex niftakar li l-aktar ħaġa neċessarja f'ħajti... aktar mill-IKEL, huwa ALLA. Tipi ta' sawm: nista' nsum mill-vizji, mit-T.V., mill-qari vojt, mid-divertiment żejjed, mill-paroli żejjed, mill-ġudizzji fuq l-oħrajn, milli nittratta ħażin lil dawk l-aktar qrib tiegħi eċċ., u nistgħu nżiedu kemm irridu.

X'inhu s-sinifikat tal-Irmied?


Is-saċerdot x'ħin immorru fejnu jgħidilna: "trab kont u trab terġa' ssir" jew "indem u emmen fil-bxara t-tajba". U dawn huma ż-żewġ sinifikati ta' dan il-ġest. "trab kont u trab terġa' ssir" ifakkarna fir-realta' tagħna, f'dinja fejn qed tgħidilna li l-bniedem huwa auto suffiċċjenti, illum il-knisja qed tfakkarna li aħna m'aħna xejn u Alla huwa kollox. Bil-kliem: "indem u emmen fil-bxara t-tajba", il-knisja qed tfakkarna li r-Randna mhux biss il-jum ta' Ras ir-Randan u mbagħad nerġgħu niltaqgħu għal Ġimgħa l-Kbira, imma huwa mixja li jeħtieġ nieħdu b'impenn.

Nispiċċa bit-twissija ta' San Pawl Appostlu, li tiegħu ser niċċelebraw il-festa nhar is-Sibt li ġej. Tajjeb li qabel niċċelebrah inkunu nafu x'qal u nisimugħ!!


"Nitlobkom f'ġieħ Kristu, ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu. Dak li ma kienx jaf x'inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta' Alla... nħeġġukom biex ma tirċievux il-grazzja tiegħu għal xejn!" (2Kor 5, 20-21; 6, 1).