Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


Is-Sibt, 1 ta’ Diċembru 2007

Il-Munxar u l-Madonna tal-Karmnu


Dan l-aħħar ġranet kont qiegħed f'kuntatt ma xi patrijiet karmelitani, Fr. Charlo Camilleri u Anthony Cilia li jieħdu ħsieb il-website tal-Karmelitani. Qiegħed f'kuntatt magħhom għax fost l-affarijiet żbigħ li għandhom fuq is-sites tagħhom http://www.karmelitanimalta.org/ u http://www.ocarm.org/eng/index.php ikollhom kull ġimgħa l-Lectio Divina. Peress li aħna ser nibdew din il-prattika fil-parroċċa tagħna, tlabthom il-permess sabiex inkunu nistgħu nġibu l-Lectio Divina li jagħmlu ta' kull ġimgħa fuq is-site tagħna. Ma sabu l-ebda diffikulta u ta' dan nirringrazzjahom ħafna. Għalissa l-Lectio insibuha bl-ingliż, pero' 'l quddiem ser tkun ukoll bil-Malti.


Għalfejn dan l-artiklu semmejtu "Il-Munxar u l-Madonna tal-Karmnu"? Tafu aktar minni li d-devozzjoni tal-Madonna tal-Karmnu fil-Munxar hija xi ħaġa antika. F'dan ir-rigward nixtieq inwasslilkom żewġ artikli li Fr. Anthony Cilia għaddili fuq il-kult tal-Madonna tal-Kramnu fil-Munxar. Huwa qed jgħamel riċerka fuq il-kult tal-Madonna tal-Karmnu fid-diversi lokalitajiet. Għalhekk filwaqt li għaddili din l-informazzjoni talabni jekk hemmx xi informazzjoni oħra. Għalhekk wara li taqraw din l-informazzjoni sabiħa, jekk xi ħadd ikun jaf xi tagħrif ieħor dwar il-kult tal-Madonna tal-Karmnu fil-Munxar tkun xi ħaġa sabiħa jekk ngħadduha lil Fr. Anthony għar-riċerka tiegħu. Grazzi mill-ġdid lil ħbieb tagħna li permezz tagħhom ser nifhmu aktar il-Lectio Divina u tal-informazzjoni li għaddewlna dwar din id-devozzjoni.


Artal tal-Madonna tal-Karmnu fil-Knisja Parrokkjali San Pawl Nawfragu, Munxar

Id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt it-titlu tal-Karmnu hi qadima ħafna fil-Munxar. Wieħed mill-artali tal-ġemb fil-knisja hu ddedikat lill-Madonna tal-Karmnu u tpitter fl-1927. Tħallas mill-aħwa Karmenu u Mikiel Caruana mill-Munxar. Ta’ kull sena, fis-16 ta’ Lulju, issir quddiesa kantata bil-pridka liema legat ġie mħolli mill-aħwa Toni u Ġużepp Curmi ta’ Bertu.

Dari f’ħafna familji b’devozzjoni lejn il-Madonna kienu jsemmu xi tifel jew tifla bl-isem ta’ Karmenu jew Karmena. In-nies kważi kollha kienu jinkitbu fil-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu u għalhekk kull filgħaxija, wara r-Rużarju, fil-familja kienu jingħadu wkoll is-seba’ ferħat tal-Karmnu. Tista’ tgħid li kull ġimgħa kienet issir xi quddiesa votiva bil-priedka fuq l-artal tal-Karmnu li jippreżenta l-Madonna qiegħedha tagħti l-Labtu lil San Xmun Stock, liebes ta’ Patri Karmelitan, fuq ġemb u fuq ġemb ieħor anġlu bil-flixkun f’idu jitfa’ l-ilma fuq l-erwieħ tal-Purgatorju li jinstabu fil-qiegħ tal-kwadru. Dan il-kwadru mpitter mill-pittur Robert Caruana Dingli kien imħallas minn Mikiel Calleja. In-nies kienu jorbtu ħafna d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu mad-devozzjoni lejn l-Ewwieħ tal-Purgatorju.

Ta’ minn jgħid ukoll li billi n-nies tal-Munxar kienu midħla ħafna tax-Xlendi, kemm minħabba l-bajja fis-sajf u kemm minħabba x-xogħol tar-raba, minn dejjem urew ċerta rabta u mħabba lejn il-Madonna tal-Karmnu li għaliha hi ddedikata l-knisja tax-Xlendi.

Bibljografija
• Borg, P. Serafin, Agostinjan, "Kwadri meqjuma lill-Madonna tal-Karmnu f'Għawdex", Il-Madonna fil-ħidma ta' l-Agostinjani f'Għawdex, Qala, 1985, p.39.



Niċċa tal-Madonna tal-Karmnu fi Pjazza tal-Knisja, Munxar

Waħda min-niċeċ l-aktar popolari tal-Munxar hija dik tal-Madonna tal-Karmnu li tinsab fil-pjazza tar-raħal. Qabel ma telgħet id-dar li hemm illum, din n-niċċa kienet akbar fil-qies u mibnija fuq ħajt ta’ għalqa. Meta mbagħad inbniet id-dar li hemm illum, in-niċċa tqiegħdet fil-faċċata tagħha għalkemm f’daqs iżgħar.

Jingħad li fl-antik, meta kienet toqrob il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, fis-16 ta’ Lulju, din in-niċċa kienet tiġi mżejna bil-fjuri u bix-xemgħa. Imbagħad nhar il-festa proprja, kienu jsiru festi mill-isbaħ u mill-aktar brijużi. Fost l-oħrajn kienu jsiru tlielaq ta’ ġuvintur u tfal madwar ir-raħal, u min kien jirbaħ kien jingħata dak li kien jissejjah “il-Palju”. Dan kien ikun biċċa drapp fina. Ħafna kienu jkunu dawk li, wara li kienu jkunu rebħu l-palju, kienu jirregalawh lill-knisja parrokkjali.

Ta min jgħid ukoll illi, sal-lum, ix-xemgħa u l-fjuri qatt ma jonqsu minn quddiem din in-niċċa, iżda qrib il-festa, it-tiżjin jiżdied konsiderevolment.

Bibljografija
• AA.VV., Niċeċ f’Għawdex: Storja, Reliġjon, Folklor, [Editur: P. Serafin Borg, OSA], Reliġjon u Ħajja - Storja 13, 1987, p.79

1 comment:

Anonymous said...

Verament tajbin iż-żewġ artikli rigward id-devozzjoni tal-Madonna tal-Karmnu fil-parroċċa tagħna. Jiena dejjem kont tal-fehma li nerġgħu nagħtuha l-ħajja din id-devozzjoni fir-raħal tagħna. Jekk ser inħallu li dawn id-devozzjonijiet jispiċċaw ser inkunu tlifna wirt għażiż ħafna li missirijietna kienu bnew b'tant ħeġġa. J'Alla li f'din is-sena li qegħdin ifakkru il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa tagħna nerġgħu nagħtu l-ħajja lid-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu li jiena għandi l-unur li nġib l-isem tagħha.

Kan. Karm Curmi