Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


It-Tlieta, 1 ta’ Settembru 2009

Għażiż Dun Joshua Muscat...

"Meta nintrefa' 'l fuq mill-art,
jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja."
Ġw:12:32


Għażiż Dun Joshua,
dan il-kliem li qal Ġesu', int tafu sewwa, taf tajjeb xi jfisser u għamilt esperejnza tiegħu. Il-Mulej Ġesu' qalilna li meta jintrefa' 'l fuq, meta kulħadd kien ser jaħseb li Ġesu' ma' huwa xejn ħlief bniedem ieħor li ħolom li jkun il-messija, għax fil-fatt spiċċa imdendel ma' salib, proprju f'dak il-mument xtaq li tidher il-qawwa ta' Alla. U hekk ġara, għax aħna l-insara nimxu wara xi ħadd li għal għajnejn id-dinja huwa fallut, tilef kull dinjieta ta' bniedem u ma' għandu l-ebda saħħa. Iva, Alla għażel li fid-djugħfija ta' Ibnu bħala bniedem juri l-qawwa tiegħu u jiġbed lil bnedmin kollha lejh.

Għażiż ħabib, int għażilt is-salib biex ikun dak li jmexxik fil-ħajja saċerdotali tiegħek, u Alla għoġbu jagħtik dan il-privileġġ, li forsi f'għajnejna jidher telf, (telf ta' saċerdot żagħżugħ, f'saħħtu, kapaċi jaħdem f'kull qasam tal-pastorali), imma int, għażiż Joshua, minn meta tlajt fuq is-salib tal-marda tiegħek, mhux biss aċċettajt dan is-salib, imma ħadantu miegħek. Mhux biss ħadantu miegħek imma għamilt ukoll esperjenza ta' Kristu, iva rajt li meta kont marid kulħadd kien qiegħed jinġbed lejk. Sakemm stajt toħroġ mid-dar kull fejn kont tmur kien ikun hemm ħafna nies imdawrin miegħek, tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani. Mhux biss minn kull raħal ta' Għawdex imma wkoll mill-Parroċċa fejn kont ġewwa Torin, qatt ma' waqfu jiġu jarawk. Meta mbagħad is-salib sar aktar kifer u kellek tibqa' fuq is-sodda, xorta bqajt tiġbed ħafna nies lejk, tant li meta kont niġi narak kien ikun hemm numru ta' nies jistennew biex jiġu jkellmuk ftit.

Min kien jaħseb li din kienet il-vokazzjoni tiegħek? Li din kienet is-sejħa tiegħek? Min kien jaħseb li f'qasir żmien (qasir għalina l-bnedmin, għax għal Alla dan ma' jeżistix), int ġbidt lejk, jew aħjar ġbit lejn Kristu ħafna u ħafna nies, speċjalment żgħażagħ? Jien żgur li din il-missjoni tiegħek ma' tieqafx hawn, imma se tħalli ħafna u ħafna frott. Nistqar, miegħek għażiż Joshua, li kull meta ltqajt miegħek, fi żmien il-mard tiegħek, u ġejt fejnek jew ħriġna flimkien biex nagħmillek ftit kumpanija, jew nagħmillek xi ftit kuraġġ, kont int dak li timlini bil-kuraġġ, kont int li tferraħni b'dik it-bissima tiegħek li baqgħet fuq wiċċek sa l-aħħar darba li rajtek.

Għażiż Joshua, minkejja li nibki t-telfa tiegħek flimkien ma' ħafna oħrajn, jien ċert li din il-vokazzjoni tiegħek li int għext to the full ser tħalli ħafna u ħafna frott. Nitolbok issa għażiż Joshua biex mis-sema fejn qiegħed tgawdi l-glorja ta' Alla, tbierek lilna lkoll. Bierek il-ġenituri, il-ħutek, in-nepputijiet u l-familja kollha tiegħek. Bierek lilna s-saċerdoti, f'din is-sena ddedikata lis-saċerdot, sabiex ngħixu l-vokazzjoni tagħna skont ir-rieda ta' Alla. Bierek liż-żgħażagħ kollha li tant kienu jħobbuk u urihom li l-ħajja hija sabiħa meta ssir DON kif għamilt int f'kull mument tas-saċerdozju tiegħek.

Għażiż Joshua kompli żomm dik it-tbissima tiegħek u l-barka tiegħek fuqna lkoll li għadna hawn, f'dan il-wied ta' dmugħ. J'Alla kull meta naraw xi rittratt tiegħek nimtlew bil-kuraġġ biex ikun kbir kemm ikun kbir is-salib li nkunu nġorru, nkomplu mexjin b'umilta' kif għamilt int sa l-aħħar.

Grazzi Joshua u narak!!

Habibek

d. Tonio Galea

1 comment:

Anonymous said...

Gheziez li taqraw din: Grazzi ferm ta' dan li ghamiltu fuq sehibna Fr Joshua; jien sirt nafu l-Isptar Boffa kull meta dahal anke ghal ftit... Ommu l-ghaziza dejjem takkumpanjah ma' missieru u hutu...Niftakar u nibqa' nghozz il-ferh anke jekk ftit li nissiltlu f'qalbu u f'ommu dak inhar is-sena l-ohra l-ewwel li rajtu l-Isptar u qalli li l-ghada kien l-ewwel anniv tal-Ordinazzjoni; qaddisna flimkien f'kamartu ghax kien wahdu waqt li kellu bzonn ikun wahdu mqar ghal ftit... Quddiesa semplici, profonda u b'sens kbir. Niftakar ghidtlu kemm kienet okkazzjoni sabiha li joffri dan is-SAGRIFICCJU TA' KRISTU b'hajtu veru sagrificcju ta' mard...
U kull darba li konna niltaqghu kien ifakkarhieli; u dejjem kuntent... dejjem nitolbu hafna ghad-djocesi t'Ghawdex, ghas-sacerdoti shabu u l-vokazzjonijiet u l-familji.
Lili jhallili tifkiriet sbieh u kbar daqs ta' hija Dun Manwel li miet seba snin ilu bl-istess marda.
Veru ghandna min jitlob hafna ghalina lkoll... Insellem bil-qalb lill-genituri tieghu, hutu, lill_Isqof Mario u kulhadd. P. Silvestru Bonavia, kapuċċin.