Siltiet mill-Udjenza Generali tal-Papa Benedittu XVI nhar it-3 ta’ Settembru 2008.
Il-Konverżjoni ta’ San Pawl
Il-Konverżjoni ta’ San Pawl
Informazzjoni miġbura minn Monica Sultana
Il-Papa Benedittu XVI jgħidilna li ħajjet San Pawl ħadet żvolta wara li kien ippersegwita l-Knisja ta' Kristu waqt li kien fi triqtu lejn Damasku għall-ħabta tas-snin tletin ta’ l-ewwel seklu. Il-Papa jistaqsi x’ġara dakinhar u jiggwidana f’dan ir-rakkont minn żewġ lentijiet differenti.L-iktar li aħna familjari miegħu huwa r-rakkont ta’ San Luqa li jirrakonta l-ġrajja minn ta’ l-inqas tliet darbiet fl-Atti ta’ l-Appostli. Qarrej kwalunkwe li jaqra r-rakkont ta’ San Luqa kapaċi jagħti importanza lil ħafna dettalji bħal jaqa’ fl-art jew ra dawl kbir li jsemmilna l-Evanġelista. Imma l-Papa jgħidilna li dawn id-dettalji jwasslu għall-qofol tal-grajja: Kristu Rxoxt. Kristu Rxoxt jkellem lil Sawl u jbiddillu ħajtu u l-mod kif jaħseb. Id-dawl li bih kien mdawwal Kristu jwassal biex Sawl jitlef id-dawl t’għajnejh u dan jirrifletti l-fatt li San Pawl kien għama ghall-verita’ u għad-dawl li hu Kristu. L-iva definittiva għal Kristu fil-Magħmudija tagħtih lura d-dawl f’għajnejh lil San Pawl u issa jibda jara tassew.
Fiż-żminijiet l-imgħoddija, il-kelma “Magħmudija” kienet tfisser “Illuminazzjoni” għaliex fis-Sagrament tal-Magħmudija wieħed jingħata d-dawl biex jara. Fil-Konverżjoni ta’ San Pawl naraw li dan il-fatt iseħħ fiżikament mhux biss teoloġikament. Il-Papa jtenni li l-ħajja ta’ San Pawl tinbidel drastikament permezz tal-laqgħa tiegħu ma’ Kristu Rxoxt. Hija dik il-laqgħa bejn San Pawl u Kristu Rxoxt li tilħaq il-qofol tal-ġrajja tal-Konverżjoni ta’ Pawlu.
It-tieni verżjoni ta’ kif nistgħu nħarsu lejn il-Konverżjoni ta’ San Pawl hija mill-ittri li kien jikteb hu stess, jgħidilna l-Papa Benedittu XVI. Għalkemm mhux fid-dettal, San Pawl isemmi l-ġrajja tal-Konverżjoni tieghu meta fl-ittri tieghu jagħmel referenza għall-fatt li huwa wkoll hu xhud tal-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt. Liema ġrajja San Pawl jgħidilna ġiet rivelata lilu minn Kristu stess. Fl-ittra tiegħu lill-Korintin, San Pawl isemmi lid-diversi persuni li Kristu Rxoxt deher wara li qam mill-mewt u jagħmel referenza li fl-aħħar Kristu Rxoxt deher lilu wkoll. Imbagħad, fl-ittra tiegħu lill-Galatin, San Pawl jemfasizza l-fatt li huwa xhud ta’ Kristu Rxoxt u li l-missjoni tiegħu ngħatat lilu mingħand Krixtu Rxoxt innifsu.
Il-Papa Benedittu XVI jkompli jgħidilna li ż-żewġ interpretazzjonijiet minn persuni differenti jwasslu messaġġ uniku u fundamentali – Kristu Rxoxt kellem lil Pawlu u għamlu Appostlu, xhud tal-Qawmien tiegħu mill-mewt u tah is-setgħa li jxandar il-Kelma t’Alla. San Pawl qatt ma jsejjah dan l-episodju bħala l-Konverzjoni imma jara bħala l-qofol tal-grajja l-laqgħa tieghu ma’ Kristu. Il-Papa jgħidilna li din il-ġrajja għal San Pawl ma kinitx biss Konverżjoni iżda l-Qawmien tiegħu. Sawl il-qadim imut u jirxoxta Pawlu l-ġdid flimkien ma’ Kristu Rxoxt.
Il-Papa jġiegħlna nirriflettu kif il-ġrajja ta’ Pawlu tista’ tapplika għalina u jisħaq li sabiex aħna nkunu Kristjani ta’ veru rridu niltaqgħu ma’ Kristu. Din il-laqgħa m’hemmx għalfejn tkun xi ħaġa straordinarja bħal filkas ta’ San Pawl; huwa biżżejjed li niltaqgħu ma’ Kristu f’affarijiet sempliċi bħall-qari ta’ l-Iskrittura Mqaddsa u l-parteċipazzjoni tagħna fil-Liturġija Mqaddsa. B’dan il-mod inkunu nistgħu mmissu qalb Kristu u nħalluh jidħol f’qalbna. Il-Papa jħeġġiġna biex nitolbu lil Alla sabiex jippermetti li seħħ din il-laqgħa bejnna u bejn Kristu biex ikollna fidi ħajja u mħabba lejn kulħadd sabiex nkunu nistgħu ngħixu f’dinja aħjar.
No comments:
Post a Comment