Ix-xahar ta' Ottubru huwa ddedikat għat-talba tar-Rużarju. Fil-fatt fis-7 ta' Ottubru l-Knisja tiċċelebra l-festa liturġika tal-Madonna tar-Rużarju.
Ir-Rużarju tiwieled fl-epoka medjevali, probabilment fi żmien il-kruċjati. Il-bidu tal-kuruna hija waħda antika ħafna: l-eremiti orjentali kienu jużaw ġebel żgħir ħafna li kienu jdaħħluh fi spaga biex ikunu jafu kemm talb qalu. Il-kuruna għalhekk tirrapreżenta bukkett ta' talb offrut lil Marija.
San Duminku sab fir-rużarju arma qawwija kontra l-ereżija; u kienu d-dumnikani li xerdu din d-devozzjoni permezz tal-konfraternita' tar-rużarju. Fis-seklu XVI il-Papa San Piju V, li kien Dumnikan, għamel it-talba tar-rużarju aktar uffiċċjali fil-knisja, talba li kienet tiġa saret ħafna popolari man-nies.
Il-festa ta' din id-devozzjoni kienet ġiet imwaqqfa mill-istess Papa fis-7 ta' Ottubru 1571 biex titfakkar ir-rebħa f'Lepanto kontra l-flotta Turka, rebħa li waqqfet l-estensjoni ta' l-imperu Tork. Il-Papa interpreta din ir-rebħa bħala grazzja mogħtija mill-Providenza għat-talb li l-poplu nisrani kien għamel lill-Marija permezz tar-Ruzarju.
It-talba tar-Rużajru hija talba li tibqa dejjem attwali u tajjeb li nkomplu nsaħħu din it-talb, speċjalment fid-djar tal-familji tagħna.
Infakkru li din it-talb issir kuljum fil-Knisja tagħna qabel il-quddiesa ta' filgħaxija. Matul dan ix-xahar din it-talba tkun speċjali u għalhekk issir fil-preżenza ta' Ġesu Ewkaristija. Inħeġġeġ lil kulħadd sabix isib ftit ħin u jgħid din it-talba hekk sabiħa, kif ukoll biex matul dan ix-xahar jipprova jgħid din it-talba flimkien magħna fil-Knisja quddiem Ġesu Ewkaristija. L-intenzjoni tat-talba tar-Rużarju f'dan ix-xahar speċjali tkun biex il-Missjoni Djoċesana li ser tibda f'pajjiżna tħalli effett fil-familji tagħna.
Dun Tonio Galea
Kappillan
No comments:
Post a Comment