Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


L-Erbgħa, 22 ta’ Ottubru 2008

Il-Kampnar...

"Fl-aħħar beda!!" Forsi din kienet l-espressjoni li ħarġet minn fomm ħafna nies. Iva x-xogħol fuq il-kampnar beda... eżattament mhux illum beda, għax kien hemm ħafna xogħol li sar qabel, anke meta kien jidher li donnu kollox wieqaf, xorta waħda kien hemm xogħol li kien għaddej. Imma ssa biex ngħidu hekk, ix-xogħol viżibli, dak li kulħadd kien jistenna beda.

Ix-xogħol li għadu kif beda hija parti minn diversi fażijiet. Issa bdiet l-ewwel fażi, fejn qed jinħatt il-ġebel tal-kampnar, jiġi mmarkat, ġebla, ġebla. Jiġu magħżula l-ġebel li jistgħu jerġgħu jintużaw minn dawk li ma' għadhomx tajbin. X'ħin tinżel l-ewwel biċċa, jkun imiss li jinżlu l-qniepen, li dawn ukoll se jiġu rraġati. Kif jinżel il-kampnar kollhu jkun imiss li jsir bejt tal-konkos fejn minnu ser jitilgħu travi tal-ħadid li ser iservu biex jidendlu l-qniepen magħhom. Dan biex il-piż tal-qniepen (li huwa ħafna għal kampnar żgħir tal-knisja tagħna) jkun fuq il-ħadid u mhux mill-ġdid fuq il-kampnar. Għalhekk wara li jitla' l-ħadid, jitilgħu l-qniepen u fl-aħħar jerġa' jinbena mill-ġdid il-kampnar tal-ġebel.
Ovvjament dan kollhu ser jitlob xogħol u flus, pero' nemmen li bil-għajnuna ta' Alla u ta' kull wieħed u waħda minna, dan ix-xogħol isir u jsir kif imiss.

Dun Tonio Galea
Kappillan.

L-Erbgħa, 1 ta’ Ottubru 2008

Ottubru x-Xahar tar-Rużarju

Ix-xahar ta' Ottubru huwa ddedikat għat-talba tar-Rużarju. Fil-fatt fis-7 ta' Ottubru l-Knisja tiċċelebra l-festa liturġika tal-Madonna tar-Rużarju.
Ir-Rużarju tiwieled fl-epoka medjevali, probabilment fi żmien il-kruċjati. Il-bidu tal-kuruna hija waħda antika ħafna: l-eremiti orjentali kienu jużaw ġebel żgħir ħafna li kienu jdaħħluh fi spaga biex ikunu jafu kemm talb qalu. Il-kuruna għalhekk tirrapreżenta bukkett ta' talb offrut lil Marija.
San Duminku sab fir-rużarju arma qawwija kontra l-ereżija; u kienu d-dumnikani li xerdu din d-devozzjoni permezz tal-konfraternita' tar-rużarju. Fis-seklu XVI il-Papa San Piju V, li kien Dumnikan, għamel it-talba tar-rużarju aktar uffiċċjali fil-knisja, talba li kienet tiġa saret ħafna popolari man-nies.
Il-festa ta' din id-devozzjoni kienet ġiet imwaqqfa mill-istess Papa fis-7 ta' Ottubru 1571 biex titfakkar ir-rebħa f'Lepanto kontra l-flotta Turka, rebħa li waqqfet l-estensjoni ta' l-imperu Tork. Il-Papa interpreta din ir-rebħa bħala grazzja mogħtija mill-Providenza għat-talb li l-poplu nisrani kien għamel lill-Marija permezz tar-Ruzarju.
It-talba tar-Rużajru hija talba li tibqa dejjem attwali u tajjeb li nkomplu nsaħħu din it-talb, speċjalment fid-djar tal-familji tagħna.
Infakkru li din it-talb issir kuljum fil-Knisja tagħna qabel il-quddiesa ta' filgħaxija. Matul dan ix-xahar din it-talba tkun speċjali u għalhekk issir fil-preżenza ta' Ġesu Ewkaristija. Inħeġġeġ lil kulħadd sabix isib ftit ħin u jgħid din it-talba hekk sabiħa, kif ukoll biex matul dan ix-xahar jipprova jgħid din it-talba flimkien magħna fil-Knisja quddiem Ġesu Ewkaristija. L-intenzjoni tat-talba tar-Rużarju f'dan ix-xahar speċjali tkun biex il-Missjoni Djoċesana li ser tibda f'pajjiżna tħalli effett fil-familji tagħna.
Dun Tonio Galea
Kappillan