Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


It-Tlieta, 29 ta’ Jannar 2008

Grezzja Muscat

Nhar is-Sibt, 26 ta' Jannar 2008, kmieni filgħodu ħallietna Grezzja Muscat. Kienet bħal sajjetta fil-bnazzi, għax Grezzja kienet għada attiva' u f'saħħita, imma l-Mulej għoġbu jsejħilha għal għandu. Il-bieraħ sar il-funeral tagħha fil-knisja parrokkjali waqt il-quddiesa ta' l-4.00pm. F'isem il-familjari nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem fil-funeral kif ukoll lil dawk li huma qrib tagħhom f'dan il-mument diffiċili.
Agħtiha, o, Mulej il-mistrieħ ta' dejjem, id-dawl ta' dejjem jiddi lilha, tistrieħ fis-sliem. Amen.

It-3 Ħadd matul is-sena


Is-Sibt, 12 ta’ Jannar 2008

Mikieli Parnis


L-aħħar li ġie l-Knisja kien meta kellna fostna r-relikwija ta' San Ġorġ Preca. Il-bieraħ filgħaxija, għall-ħabta tas-6.00pm, Mikieli Parnis, ta' 98 sena twieled għas-sema pajjiżna. Mikieli kien l-aktar raġel anzjani fil-Munxar, minkejja dan, kien bniedem ċajtier u nistqarr li kull meta kont imur għandu biex jitqarben kont noħroġ minn fejnu bi tbissima. Minkejja l-eta' kbira tiegħu u l-piż tax-xjuħija, kellhu spirtu żgħżaugħ sa l-aħħar mumenti. Nirringrazzjaw lil Alla għad-don ta' Mikieli u j'Alla jkun ta' eżempju għalina lkoll, b'mod partikulari fl-ispirtu żgħżugħ li kellhu.

Agħtih, o, Mulej il-mistireħ ta' dejjem, id-dawl ta' dejjem jiddi lilhu, jistrieħ fis-sliem. Amen.

Is-Sibt, 5 ta’ Jannar 2008

Harga Malta - Grupp Adoloxxenti

Nhar il-Ħamis, 3 ta' Jannar il-grupp ta' l-adoloxxenti kellhom ġurnata Malta. Ma kienetx ġurnata ta' divertiment biss, imma kien hemm mument sabiħ ħafna li kien ikompli ma' dak li l-grupp ta' l-adoloxxenti kienu qed jgħamlu fl-aħħar laqgħat tagħhom. Fil-fatt fl-aħħar laqgħat kienu qegħdin jitkellmu fuq it-talb. Kien għalhekk li nhar il-Ħamis meta morna Malta, minbarra li kien mument ta' divertiment kien ukoll mument ta' esperjenza ta' talb, billi għamilna żjara lis-sorijiet Klarissi (sorijiet tal-klawsura ġewwa San Ġiljan). Wara li ċċelebrajna flimkien il-quddiesa, l-adoloxxenti kellhom iċ-ċans jitkellmu ftit mas-sisters li kienu preżenti għal quddiesa. Kien mument sabiħ ħafna, fejn indunajna li dawn is-sorijiet huma nies bħalna li f'mument tal-ħajja tagħhom ħassew li l-Mulej qed isejħilhom għal mixja partikulari, stil ta' ħajja bbażat fuq it-talb u l-ħajja komunitarja. Waħda minn dawn is-sisters qaltilna li meta kienet għada mhix sister u allura kienet tfajla bħall-oħrajn, meta s-sibt filgħaxija kienet tkun sejra Paceville bħaż-żgħżagħ l-oħra kienet tħares lejn il-ħajt tal-kunvent u kienet tgħid: "min jaf x'hemm wara dak il-ħajt", u komplit tgħidilna: "mur għidli li kelli nispiċċa wara dak il-ħajt. Jekk il-Mulej ikun iridek għalih, b'xi mod jew ieħor ikompli jsejjaħlek sakemm twieġeb għas-sejħa tiegħu", komplit tgħidilna s-sister.

Wara din l-esperjenza sabiħa, kien hemm ukoll mument ta' divertiment, għalhekk mill-kunvent tas-sorijiet tal-klawsura biddilna ftit l-ambjent u morna Bay Street. Hemmhekk filwaqt li s-subien iddeċidejna li mmorru bowling qabel ma mmorru Bay Street it-tfajliet iddeċidew li jiddedikaw il-ħin kollhu f'Bay Street.


L-għada l-ġimgħa, wkoll kellna esperjenza sabiħa, din id-darba ta' volontarjat, imħalta wkoll b'mument ta' divertiment. Iltqajna fit-8am biex flimkien mal-Kappillan, li kull nhar ta' ġimgħa jmur iqarben lill-morda u lill-anzjani li ma' joħorġux, immprru nferħu ftit lil dawn ħutna. F'kull dar li dħalna l-anzjani jew l-morda ħadu pjaċir ħafna jaraw tant adoloxxenti (konna xi 25) ikantaw xi innu tal-Milied, imbagħad ħalli għalihom biex jistaqsu "ta' min huma" dawn it-tfal. Xi ħaġa sabiħa li b'ġest daqshekk sempliċi tara l-għajnejna ta' dawn l-anzjani jimtlew bid-dmugħ, tant kemm jieħdu gost li xi ħadd mar iżurhom.

Dritt wara din id-dawra partikulari mar-raħal, kien hemm jistenna għall-adoloxxenti dawra oħra, differenti imma ferm impenjattiva. Il-grupp taż-żgħżagħ organizzaw Treasure Hunt għalihom. Min kieteb il-hints kellhu l-intenzjoni li jara kemm jifilħu jiġru l-adoloxxenti tagħna, għax kull grupp kellhu xi tarf mill-limiti tal-Munxar!!!

L-Epifanija tal-Mulej