Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


Il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru 2009

Il-Ħamis, 5 ta’ Novembru 2009

Lill-Mons. Jose Agius...minn Mons. Isqof Mario Grech

Wara ż-żjara li Mons. Isqof agħmel għand is-saċerdoti fil-Brażil, fosthom fil-Parroċċa ta' Mons. Jose Agius, Mons. Isqof bagħat ittra ta' apprezzament għal dak kollhu li għamel u li qiegħed jagħmel Mons. Agius fil-Brażil. Hawn taħt issibu l-ittra ta' Mons. Isqof kif ukoll xi rittratti taż-żjara tiegħu fil-Parroċċa ta' Mons. Agius.


2 ta novembru, 2009

Għażiż ħabib d Ġużepp,
Nistqarr li kif Marija u Ġużeppi kellhom bżonn tlett ijiem biex sabu lil Ġesu fit-tempju u hemm intebħu bil-ħila tiegħu li jlaqqa miġemgħa biex jgħallem, għalija tlett ijiem miegħek kienu biżżejjed biex insir naf il-ħiliet naturali u pastorali li jgħanu l-miisteru saċerdotali tiegħek, liema kapaċitajiet int għaraft tuża biex tibni l-poplu t’Alla matul dawn l-40 sena li ilek kappillan tal-parroċċa ddedikata lil San Jose! Kif kelli l-okkażżjoni ngħid fl-omelija li għamlt waqt l-Ewkaristija li ċċelebrajna fl-aħħar jum li kont miegħek, minkejja li kont nafek personalment, ma kellix għarfien ta kemm taf “tibni” id-dar t’Alla! Għalhekk, iż-żmien qasir li għamilt għandek tani l-okkażżjoni biex nagħmel esperjenza differenti ta knisja, imma ukoll biex niskopri fik saċerdot li ma kontx naf!
Għadu stampat f’moħħi u f’qalbi dak li int irrakkontajtilna dwar l-ewwel esperjenzi tiegħek fil-Brażil meta tlaqt minn Għawdex bħala seminarista; ikkommovejtni meta smajtek tgħid li fil-bidu ġie li ġietek it-tentazzjoni li tirritorna lejn Għawdex, imma dan ma stajtx tagħmlu għax ma kellekx flus biex tixtri l-biljett! Nistħajjel li hemm ħafna anedotti bħal dawn u isbaħ li jekk nirrakkontawhom żgur inisslu sentimenti sbieħ. Nemmen li kif il-memorja hija importanti għal kull ġens, għandha valur ukoll għal poplu t’Alla, partikularment għalina l-presbiteri. Nara li l-istorja għandha valur pedagoġiku: tgħallem u tispira lil min jaqraha. Għalhekk, ħassjet li għandi nitolbok tikteb il-memiors tiegħek. Għalkemm dawn jiġbru ġrajjietek, dan huma ukoll ġrajjiert il-Knisja f’Lorandia u ġrajjiet il-Knisja f’Għawdex.

Ċertament huwa fl-isfond ta dak li ntiseġ matul dawn is-snin, li llum l-parroċċa tiegħek għandha struttura daqshekk interessanti. Ħadt pjaċir nara l-ħajja litrurġika tagħkom; ma kienx ikun hemm liturġija daqshekk partiċipata, kieku l-komunita mhix katekizzata. Veru li ma kellix l-okkażżjoni nkun preżenti għal waqtiet ta katakeżi, imma l-programm pastorali tal-parroċċa li għaddejtli, huwa xhieda ta dan. Dan jispjega għaliex matul is-snin għaraft tibni knejjes jew kappelli oħra li huma kkurrati daqs li kieku huma knejjes parrokkjali operanti. Dan kollu jagħmel sottofond għal ħidma karitattiva li għandha l-parroċċa. Iż-żewġ proġetti li ħadtni nżur, il-proġett AMOR u dak SOAMI, kif ukoll dawk id-day centers għat-tfal, huma monumenti ħajjin tal-karita. Nistqarr li apprezzajt ħafna il-mod kif taħdem f’dik li hija ħidma ta promozzjoni umana – jidher ċar li lil min hu bil-ġuħ,.int flok ma tagħtih ħuta għażilt li tgħallmu kif jistad u hekk tajtu l-kapaċita biex ikollu l-ħut ħajtu kollha! Tassew tagħmel il-qalb meta per eżempju tara li fuq medda ta erba snin mill-proġett Amor ħarġu tant ġuvintur li llum għamlu triq tajba f’ħajjithom. Żewġ xeni meraviljużi li nibqa ngħożż huma ta dawk iż-żewġ ġuvnotti li separatament ġew għandek jitlbuk tħalsilhom għall-istudju tagħhom! Inħeġġek tkompli taħdem u tinvesti b’dan il-mod.

Kienu ukoll stupendi dawk il-mumenti li għaddejna mas-saċerdoti Maltin! Kemm meta ħadtni nara lill-Isqof Costa, kif ukoll meta ntroduċejtni fil-parroċċa ta D Pawl Brincat u ma D. Bennie fil-Katidral. Il-quddiesa fil-Katidral kienet impressjonanti. Imbagħad iċ-ċirasa ta dan kollu kienet l-ikla li organizzajtilna tant tajjeb fit-tenuta ta Antonio u Luzia. Konna qisna ċ-ċenaklu! Napprezza li kont kapaċi tiġborna ma xulxin. Lili għamluli ħafna ġid; nistħajjel anke huma ħadu gost. Mela dak inhar li ħallejniek, fl-airport ta Kuritiba ltqajt ma d Ġwann Caruana li kkonfermali kemm kien ferħan u sollevat b’din il-laqgħa. Quddiem id-diffikulta tas-solitudni saċerdotali, tagħmel sewwa jekk tkompli ssostni u tieħu sehem f’dawn il-laqgħat – kemm dawk ta kull ġimgħa, kif ukoll dak ta kull xaharejn.
Apprezzajt ukoll il-ħidma tiegħek għall-vokazzjonijiet saċerdotali – il-fatt li għandek tlett seminaristi mill-parroċċa u kemm ilek hemm il-komunita parrokkjali tat sitt saċerdoti, huwa tassew lodevoli.

Ix-xeni li wrejtni tal- waqgħat ta l-ilma fi Iguacu huma stroardinarji, aktar u aktar meta tqis li kellna dik l-ospitalita ġeneruża li Donna Celita u żewġa, is-sidien tal-lukanda, offrewlna b’rispett lejk. Imma, nassigurak lil-esperjenza tal-fraternita saċerdotali li kellna u l-akkoljenza li tawna dawk kollha li ntroduċjetna magħhom, huma sinifikattivi ukoll. Nifhem allura għaliex l-Arċisqof Orlando huwa kuntent ħafna bik u moħħu jmstrieħ b’dak li qed jiġri fil-parroċċa tiegħek .

Ħadt nota tar-rapport li għamiltli u ser nipprova naħdem fuq xi punti li ndikajtli anzi nista ngħidlek li diġa kellimt lil kappillani.

Sħabi li kienu miegħi f’din iż-żjara pastorali kellhom kliem ta ammirazzjoni għalik. Baqgħu mpressjonati mhux biss bil-ħidma ta kwalita tiegħek, imma ukoll bl-enerġija li għandek għal Alla, għal Knsja u għas-soċjeta. Fuq kollox għarafna ukoll il-mod matur tiegħek kif twettaq ħidma missjunarja.

Filwaqt li nirringrazzjak ta kollox, nitolbok twassal it-tislijietu l-gratitudni tiegħi u tal-kollaboraturi tiegħi lil dawk kollha li għenuk biex din l-esperjenza tagħna setgħet tirnexxi.


Mons. Mario Grech
Isqof t'Għawdex

L-Erbgħa, 4 ta’ Novembru 2009

Tislijiet minn għand Giovanni...

Giovanni flimkien ma' grupp ta' żgħażagħ fi Guadalajara, Messiku.
Dawk li ġew Erapolis Spanja fis-sajf tat-2008 żgur li jitakkru lis-seminarista tar-Rogazzjonisti, Giovanni. Kien ikun dejjem mal-grupp tagħna u sar jaf ħafna dwar Malta u Għawdex permezz tagħna. Irċevejt email minn għandu u xtaqt naqsama magħkom, speċjalment dawk li jafuh, imma l-esperjenza li qed jagħmel hija sabiħa għal kulħadd.

Giovanni bħalissa bħala parti mill-formazzjoni saċerdotali tiegħu qiegħed fi Guadalajara l-Messiku, fejn qed jagħmel esperjenza ta' xogħol volontarju. F'dan il-pajjiż il-kultura u t-tradizzjonijiet huma ferm differenti minn tagħna. Għandhom kultura impurtata u mposta għal perijodu mhux ħażin mill-Ispanjoli u din il-kultura hija mħalta mat-tradizjonijiet antiki tal-post Incas u Maya. Il-ħajja f'dan il-post hija sempliċi ħafna u l-familji avolja ma' għandhomx ħafna possibilitajiet ekonomiċi, juru dinjieta kbira, disponibli u akkoljenti ħafna. Il-Fidi hawn hija qawwija u tinħass ħafna. Kull nhar ta' Ħadd f'kull parroċċa jagħmlu 10 quddisiet biex ilaħqu mad-domanda tan-nies li jiġu l-quddies. F'dan il-post hemm devozzjoni kbira lejn il-Madonna ta' Guadalupe u Giovanni qalilna li se jipprova jmur xi darba jew oħra f'dan is-Santwarju Nazzjonali tal-Messiku.

Filwaqt li rringrazzjana tat-talb (u tajjeb li nitolbu għalih) iselli għal dawk kollha li huwa sar jaf f'Erapolis ta' Spanja 2008.

It-Tlieta, 3 ta’ Novembru 2009

Ittra mill-Emm.T. il-Kardinal Geraldo Majella Agnelo

Għadni kemm irċevejt ittra minn għand il-Kardinal, primat tal-Brażil, l-Emm. T. Geraldo Majella Agnello, li fil-festa ta' din is-sena kien magħna. Peress li fl-ittra kemm-il darba jsemmi l-komunita' parrokkjali tagħna, xtaqt naqsama magħkom.
Fl-ittra tiegħu l-Kardinal irringrazzjani ta' l-ittra li kont bagħtlu wara l-esperjenza sabiħa li kellna miegħu matul il-festa li għaddiet. Qal ukoll li jieħu pjaċir jisma' aħbarijiet dwar il-komunita' parrokkjali tagħna u li l-esperjenza li għex hawnhekk matul il-festa għada ħajja fih. Il-ferħ li ħass dak inhar għadu jħossu sa l-ġurnata ta' llum. Sejjah il-komunita' parrokkjali tagħna bħala waħda ħajja u ġeneruża fir-risposta lejn l-imħabba ta' Alla. Talbni wkoll sabiex inwassal lilkom ilkoll, komunita' parrokkjali tal-Munxar it-tislijiet tiegħu u l-apprezzament tiegħu lejn l-istess komunita' li hija tant għal qalbu. Filwaqt li żgurana li ser jitlob għalina lkoll, xeħet fuqna lkoll il-Barka tiegħu.




Hawn taħt wieħed jista' jara l-ittra oriġinali.