Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


Il-Ħadd, 28 ta’ Diċembru 2008

Il-Concert tal-Milied

Nhar il-Ħadd, 21 ta' Diċembru kellna l-concert tal-Milied, li jkun organizzat mill-Katekisti u l-Animaturi flimkien mat-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. Matul dan il-concert il-protagonisti prinċipali jkunu t-tfal tar-raħal tagħna. Kull grupp li jiġi d-duttrina jieħu sehem f'dak li jiġi propost lilhom mill-katekisti tagħna.

Matul dan il-concert kien hemm ftit minn kollox, dejjem b'temi li għandhom x'jaqsmu ma' dan iż-żmien tal-Milied. Kellna żfin, kant, mima, play, kollha ħelwin u kollha żbigħ. Hija tradizjoni li dan il-concert jispiċċa permezz ta' farsa li tkun immexxija minn Alfred Grech flimkien ma' xi atturi promettenti tar-raħal tagħna.
Hija ħaġa sabiħa li tara ġenituri, nanniet, zijiet u qraba oħra, kollha jistennew bil-ħerqa biex jaraw lit-tifel/a jieħu sehem fuq il-palk. Anke it-tfal minn naħa tagħhom ikunu ferħanin ħafna li ser ikun hemm il-ġenituri jew qraba li ġew apposta biex jarawhom jieħdu sehem fuq il-palk.

Grazzi lit-tfal kollha li taw is-sehem tagħhom, grazzi lill-Katekisti u l-Animaturi kollha li jiddedikaw ħafna mill-ħin personali tagħhom għal dawn it-tfal, mhux biss għal concert imma fuq kollox għad-duttrina, ħin li żgur jieħdu l-ħlas tiegħu minn għand il-Mulej.

Is-Sibt, 27 ta’ Diċembru 2008

NOVENA2008

"Ir-Rgħajja l-ewwel missjunarji"... din kienet it-tema tan-novena tal-Milied ta' din is-sena. Kienet mixja u esperjenza sabiħa għal kull min ħa sehem, mixja spiritwali, li wrietna kif ir-Rgħajja, nies passivi u mwarrba minn kulħadd, saru l-ewwel missjunarji, l-ewwel ħabbar ta' Ġesu'.

Ir-Ragħaj li...
1. JISHAR.
2. JIBŻA'.
3. JISMA'.
4. JITLAQ.
5. ISIB.
6. JADURA.
7. JIRREGALA.
8. IĦABBAR.
9. IRODD ĦAJR LIL ALLA.

Dawn kienu d-disa' passi li għamilna flimkien mar-rgħajja. J'Alla matul is-sena l-ġdida, aħna wkoll nibdew nagħmlu l-mixja li għamlu r-rgħajja, biex mhux biss insiru nafu aktar lil Ġesu', imma nwassluh ukoll lill-oħrajn.

Matul din in-novena, kuljum, ġew mogħtija lil kull min ħa sehem, simbolu li jfakkar fit-tema tal-ġurnata. Dan sar grazzi għal xi voluntiera, katekisti u animaturi, li b'paċenzja kbira għamlu dawn is-simboli, madwar mija u għoxrin simbolu kuljum, iġifieri 1080 simbolu magħmula bl-idejn li tqassmu matul in-novena.

Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li għenu fin-novena kif ukoll lil dawk kollha li pparteċipaw. J'Alla jkun hemm ħafna li ħadu ġid spiritwali minn din in-novena.

Dun Tonio Galea
Kappillan

Il-Ġimgħa, 12 ta’ Diċembru 2008

NOVENA 2008

IR-RGĦAJJA... L-EWWEL MISSJUNARJI
Din hija t-tema tan-Novena 2008 bi preparazzjoni għall-Milied. Din it-tema hija marbuta mal-Missjoni Djoċesana. Hekk kif ir-Rgħajja, nies u ħaddiema sempliċi laqgħu l-messaġġ ta' l-anġli, iltaqgħu mal-Mulej Ġesu' u wara xandru l-isem tiegħu ma' kull min iltaqgħu, hekk ukoll kull nisrani huwa msejjah jagħmel din il-mixja.

Ġranet u Ħinijiet tan-Novena:
Mit-Tnejn, 15 sal-Ġimgħa 19 ta' Diċembru
fis-6.00pm

Is-Sibt, 20 u l-Ħadd 21 ta' Diċembru
fit-8.30am

It-Tnejn 22 u t-Tlieta 23 ta' Diċembru
fis-6.00pm

In-Novena ser tkun bil-powerpoint, kuljum jingħata simbolu li jfakkar it-tema tal-ġurnata.
Hija xewqa kbira fin-Novena ma' nħallu XEJN itellifna milli nieħdu sehem u nieħdu sehem il-FAMILJA kollha.
Dun Tonio Galea
Kappillan

It-3 Ħadd ta' l-Avvent