Uffiċċju Parrokkjali, Pjazza tal-Knisja Tel.: 21553764 Mob.: 79210180 Dar Parrokkjali: 21564563 Fax: 27564563
Centru Parrokkjali: 21560845 Email:
munxarparish@gmail.com


It-Tlieta, 12 ta’ Ottubru 2010

Grazzi Dun Tonio...Merħba Dun Michael!!

Illum it-Tnejn, 11 ta’ Ottubru, Mons Isqof Mario Grech ħatar lil Dun Michael Said min-Nadur, Għawdex bħala Amministratur Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Munxar.

Dun Michael Said twieled nhar it-8 ta’ Jannar 1973 minn Paul (L) u Mary Anne née Borg fir-Rabat, Għawdex. Ġie mgħammed fil-parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana. Irċieva s-sagramenti tal-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma tal-Isqof fil-Parroċċa tan-Nadur.

Dun Michael beda l-edukazzjoni primarja fl-iskola Dun Salv Vella fin-Nadur u għal xi snin kompla l-iskola fi Quakers Hill East Public School ġewwa Sydney l-Awstralja. Lura Għawdex daħal abbati u kien membru tal-grupp tal-vokazzjonijiet. Kien jattendi regolari d-duttrina l-Museum u sar soċju tal-Museum tal-Qasam tan-Nadur.

Hu kompla bl-istudju fil-livell sekondarju fl-iskola tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù. Imbagħad kompla l-istudji postsekondarji fl-iskola Sir M.A. Refalo.

Daħal fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex fl-1991. Huwa għamel is-sena intermedjarja fil-parroċċa ta’ Saint Patrick ġewwa Woodbury, fi New Jersey l-Amerika. Dun Michael ġie ordnat saċerdot fil-Knisja Katidrali nhar is-27 ta’ Ġunju 1998 minn idejn l-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi. Iċċelebra l-ewwel quddiesa solenni fil-parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur fil-5 ta’ Lulju 1998.

Wara l-ordinazzjoni serva għal tliet snin fil-Parroċċa ta’ Sant’Ugo ġewwa Ruma u ħa kors fil-Pastorale Giovanile fl-Università tas-Salesjani.

Lura Għawdex wettaq ħidma pastorali bħala Religious Counsellor fl-iskola Ninu Cremona u kien direttur tal-Gym tas-Seminarju. Dun Michael ġie msejjaħ biex jgħallem fis-Seminarju Minuri u aktar tard biex ikun assistent surmast fl-istess skola. Ġie assenjat ukoll biex jgħin fl-Oratorju Don Bosco, fejn għal dawn l-aħħar disa’ snin kien immexxi xi gruppi ta’ adolexxenti u żgħażagħ. Baqa’ jagħti għajnuna pastorali fil-parroċċa tan-Nadur, bħala katekist tat-tfal subien tal-Ewwel Tqarbina, responsabbli ta’ Komunità Ewkaristika, jgħin fil-mixja tal-għarajjes għaż-żwieġ u għall-ħajja miżżewġa, u wkoll imexxi laqgħat għaż-żgħażagħ fiċ-Ċentru tal-istess parroċċa.